Il-Franġiskani Maltin fl-Art Imqaddsa

April 19th, 2010 @ 07:40 |

IL-FRANĠISKANI MALTIN FL-ART IMQADDSA
Storja qasira tal-Kummissarjat ta’ l-Art Imqaddsa f’Malta

Il-gżejjer Maltin jinsabu qrib ħafna ta’ Sqallija (80 kilometri), f’pożizzjoni strateġika fiċ-ċentru tal-Mediterran.  Għal mijiet ta’ snin huma kienu f’salib it-toroq ta’ bosta ċiviltajiet.  Il-Patrijiet Minuri Franġiskani f’Malta kienu jiddependu mill-Provinċja omm ta’ Sqallija, u kienu joffru s-servizz tagħhom għall-kawża tal-kisba lura ta’ l-Art Imqaddsa ħafna qabel ma waslu l-Kavallieri ta’ San Ġwann, u matul il-268 sena ta’ ħakma tagħhom fuq dawn il-gżejjer (1530-1798).

Matul is-seklu 15 Malta kienet fewdu taħt l-Aragoniżi, u l-faqar kont tmissu b’idejk fuq dawn il-gżejjer aridi, li ta’ spiss kienu jiġu attakkati mill-kursari tal-Barberija li kienu jiġu mill-kosta ta’ l-Afrika.  Fl-1429 il-Maltin kellhom jixtru lura pajjiżhom billi jħallsu 300 fjorini lil Don Gonsalvo Monroi.  Il-Papa Ewġenju IV, fid-dokumenti papali Dudum universalis (13 ta’ Jannar 1445) u Cum per alias (1 ta’ Frar 1445), għażel żewġ Franġiskani, fra Serafino da Sicilia, Vigarju tal-Kustodju ta’ l-Art Imqaddsa, u fra Lorenzo da Palermo, Vigarju Provinċjali ta’ Sqallija, biex jippriedkaw u jiġbru fondi b’riżq l-Art Imqaddsa, u ħalla f’idejhom it-twaqqif ta’ kunventi Franġiskani Osservanti fi Sqallija, Lipari u Malta.

L-ewwel Maltin li saru patrijiet fl-Ordni kienu jinġibdu għall-ħajja Franġiskana mill-missjunarji ta’ l-Art Imqaddsa li kienu jiġu Malta, u x’aktarx li kienu membri tal-familji Maltin li għal xi żmien kienu joqogħdu Sqallija.  Wieħed minn dawn il-patrijiet kien fra Marjanu Hakim, li kien jgħix Messina.  Fl-1482 il-Papa Sistu IV, bil-Bulla Pia Fidelium (6 ta’ Novembru) ta lill-Franġiskani Maltin il-permess li jwaqqfu kunvent f’Malta.  Dan il-pjan seħħ fis-27 ta’ Jannar 1494, meta l-Papa Alessandru VI ikkonferma l-fondazzjoni bil-Bulla Apostolicae Servitutis.  Fis-6 ta’ April 1492 Giacomo Hakim, wieħed mill-giurati ta’ l-Università ta’ l-Imdina, li kienet il-gvern lokali ta’ Malta, ħalla f’testment biċċa art favur fra Marjanu Hakim, li kien qaribu, u li kien jgħix fil-kunvent ta’ Santa Maria di Gesù f’Messina, sabiex hu jibni kunvent f’Malta sub vocabulo di Sancta Maria de Jesu di la observancia (taħt it-titlu ta’ Santa Marija ta’ Ġesù ta’ l-Osservanza).

L-ewwel kunventi Franġiskani f’Malta, partikolarment dak tar-Rabat, kienu dedikati lill-Verġni Marija taħt it-titlu «Santa Marija ta’ Ġesù», fi qbil mal-kunventi l-oħrajn tar-riforma Franġiskana Osservanti fi Sqallija, mibdija mill-Beatu Matteo Giumarra di Agrigento (c.1376-1450), dixxiplu ta’ San Bernardin minn Siena.  Fl-1575, il-Gran Mastru Pietro del Monte, ta biċċa art lill-Franġiskani Osservanti fil-belt ġdida Valletta, sabiex jibnu knisja u kunvent ieħor, ukoll iddedikati lil Santa Marija ta’ Ġesù.  Il-Maltin għawwġu l-isem fl-espressjoni «Ta’ Ġieżu», u kemm il-kunvent tar-Rabat kif ukoll dak tal-Belt Valletta għadhom magħrufin b’dan l-isem sallum.

Fit-28 ta’ Ottubru 1640, il-Ministru Ġeneral fra Benigno da Genova ordna lill-provinċji kollha ta’ l-Ordni li jwaqqfu l-Kummissarjati ta’ l-Art Imqadda, bl-iskop li jiġbru fondi u jgħinu lil din il-ġawhra tal-missjonijiet ta’ l-Ordni Franġiskan.  Il-Kummissarjati li twaqqfu fil-bliet marittimi ta’ l-Italja u tal-gżejjer ta’ madwar kienu ospizji, li fihom kienu jiġu milqugħin il-missjunarji li kienu jieqfu għal xi żmien biex joqogħdu fihom qabel ma jkomplu fi triqthom lejn l-Art Imqaddsa.  Dawn l-ospizji kienu preżenti fil-Kummissarjati ta’ Venezja, Genova, Livorno, Cagliari, Napli, Palermo, u Malta.

Il-Kummissarjat ta’ Malta kien importanti, billi Malta kienet strateġikament fortizza Kristjana u kellha port żgur, u kienet iggvernata mill-Ordni Sovran Militari u Ospedalier ta’ San Ġwann, fi żmien meta l-Kavallieri kienu jiddominaw il-Mediterran ċentrali bil-flotta tagħhom, u kienu jattakkaw l-iġfna musulmani li kienu jġorru armi u merkanzija.  F’Malta l-missjunarji tagħna kienu joqogħdu fil-Kummissarjat sakemm xi ġifen Franċiż jew Venezjan kien jitlaq mill-port il-kbir lejn Saida (Sidon) jew Candia (Kreta), minn fejn imbagħad kienu jkomplu triqthom biex jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom fl-Art Imqaddsa.  Malta, li kellha port żgur, kienet għal żmien twil il-punt li fih kienu jaslu u li minnu kienu jitilqu ħafna mill-missjunarji lejn il-Lvant.

Il-Kummissarjat, li minn dejjem okkupa l-ospizju li tidħol għalih mill-kunvent ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fil-Belt Valletta, kien diġà jeżisti fl-1636, jiġifieri erba’ snin qabel l-ordni mogħtija minn Benigno da Genova.  Dan il-Kummissarjat għadu fl-istess post storiku sallum, u fih joqgħod il-patri Kummissarju ta’ l-Art Imqaddsa.

Il-Kongregazzjoni ta’ Propaganda Fide, li twaqqfet fl-1662, interessat ruħha fil-missjoni ta’ l-Art Imqaddsa.  Kienet tagħti attenzjoni partikulari lill-Kummissarjat f’Malta, u ordnat lill-Inkwiżitur residenti f’Malta biex jiddefendi bil-mezzi kollha li kien jiddisponi minnhom l-interessi tal-Franġiskani fl-Art Imqaddsa.  Sfortunatament l-attakki li kienu jagħmlu l-kursari Maltin, li kienu jaqdu lill-Kavallieri ta’ San Ġwann, lil xwieni Torok fil-Mediterran, kienu jfissru ħafna inkwiet għall-Franġiskani msejknin fl-Art Imqaddsa.  Meta ġifen Malti darba attakka ġifen Tork barra mill-kosta Palestinjana quddiem il-port ta’ Ġaffa, u wkoll spara fuq l-istess port, l-awtoritajiet Torok f’Ġerusalemm qaflu fil-ħabs lill-patrijiet kollha u ordnaw lill-Kavallieri jħallsu somma kbira ta’ flus, inkella kienu joqtlu lill-patrijiet kollha.

Il-Kummissarjat f’Malta kien it-tielet wieħed fl-importanza bħala ċentru, wara l-Kummissarjati ta’ Venezja u Palermo.  Franġiskani Maltin saru magħrufin għas-servizz li taw lill-missjonijiet tal-Lvant.  Kienet diġà teżisti skola tal-lingwa Għarbija f’Malta qabel ma twaqqfu żewġ kulleġġi missjunarji f’Ruma għal dan l-iskop.  Fl-1627 fra Arcangelo Zammit intagħżel bħala Prokuratur tal-missjoni Kattolika fl-Etjopja.  Minn Malta l-missjunarji Franġiskani kienu jitilqu lejn l-Art Imqaddsa, imma wkoll lejn il-kosta ta’ l-Afrika fil-Marokk, Alġerija, Tuneżija u Libja.  L-arkivji tal-Kummissarjat fihom l-ismijiet ta’ bosta missjunarji li kienu jieqfu Malta fi triqthom lejn l-Art Imqaddsa, u li kienu reġistrati fil-kotba tal-quddies u ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-istess Kummissarjat.  Fl-1721 il-Kummissarjat ġie mkabbar sabiex ikun jista’ jilqa’ fih għadd dejjem akbar ta’ missjunarji li kienu jieqfu Malta.

Il-Kummissarjat f’Malta kien jorganizza l-ġabra annwali għall-Art Imqaddsa fil-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex.  L-istess Kunsill Ġenerali ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann stabilixxa li “varie provizioni si danno pure dall’infermeria a’ poveri mendicanti e missionarii che vanno in Gerusalemme, et a’ pellegrini” (“għandhom jingħataw bosta għotjiet ta’ karità mis-[Sagra] Infermerija lit-tallaba foqra u lill-missjunarji li jmorru Ġerusalemm, kif ukoll lill-pellegrini”).

Meta l-Franċiżi daħlu Malta fl-1798, is-suldati marru fil-Kummissarjat, imma sabu biss 350 skudi.  Il-Kummissarju ma kienx hemmhekk dakinhar, it-2 ta’ Settembru 1799, għax kien mar għall-ġabra annwali fil-parroċċa tal-Mosta.  Il-Maltin qaflu lill-Franċiżi fis-swar tal-Belt Valletta, u l-Kummissarju ma setax jirritorna, u kellu jmur jistenna fil-kunvent tar-Rabat sa l-1800, meta l-Franċiżi ċedew lill-Ingliżi, biex jerġa’ jidħol fis-sede tiegħu.

Kien hemm bosta Franġiskani Maltin li ħallew isem tajjeb u offrew is-servizzi tagħhom lill-Kustodja ta’ l-Art Imqaddsa.  Fosthom insibu fratelli lajċi umli, li iddefendew li Status Quo tal-Postijiet Qaddisa, kif għamel fra Ċels Micallef, li spiċċa ferut mill-monaċi Griegi Ortodossi fil-Bażilika tal-Qabar ta’ Kristu.  Fra Nikola Borg kien arkitett u bennej, u ħadem fil-bini tal-knisja ta’ San Salvatur f’Ġerusalemm.   Kien hemm superjuri Franġiskani Maltin fis-santwari importanti f’Ġerusalemm, Nażaret u Betleħem, kif ukoll f’Aleppo, fis-Sirja.  Żewġ Franġiskani Maltin kienu Kustodji ta’ l-Art Imqaddsa, Prefetti Apostoliċi ta’ Ċipru u l-Eġittu, u Kummissarji Apostoliċi fil-Lvant.  Dawn kienu fra Salv Anton Vassallo (1817-1820) u fra Franġisku Saverju Bugeja (1835-1838).  Fil-kamp edukattiv fra Ludovico Muscat kien studjuż ta’ l-Għarbi fi Spanja u Palermo, u sar it-tieni rettur tal-Kulleġġ ta’ studji ta’ l-Għarbi fil-kunvent ta’ San Pietro in Montorio f’Ruma.  Xi wħud mill-manuskritti tiegħu jinsabu fil-Biblioteca Apostolica Vaticana.  Fra Franġisk Flieles [Pullicino] kien il-fundatur u l-ewwel lettur tal-kulleġġ ta’ l-Għarbi li twaqqaf f’Malta fl-1632.  Letturi oħrajn ta’ l-Għarbi fl-Art Imqaddsa jinkludu fra Dumink Pace, fra Sidor Cesare Rapa, u fra Ġann Pawl Deguara.

Sallum il-ġurnata l-Franġiskani Maltin għadhom joffru s-servizz u l-kollaborazzjoni tagħhom fil-Kustodja ta’ l-Art Imqaddsa

Email This Page Print This Page This page as PDF